PARROĊĊA MARIJA BAMBINA
XAGĦRA – GĦAWDEX
9-09-2012
L-GĦADA TAL-FESTA
Waqt li qed nikteb dan il-Bullettin, il-festa tat-Twelid ta’ Marija tinsab fil-qalba tagħha. Iċ-ċelebrazzjonijiet fil-knisja huma mill-aqwa bit-tħejjija għall-festa b’żewġ Noveni kbar, waħda filgħodu u oħra filgħaxija. Xemx jew xita, bnazzi jew maltemp. Il-festa tal-Bambina tiġbed il-qlub tax-Xagħrin kollha. Din l-aħħar festa Titulari u Parrokkjali tal-istaġun tiġbed nies minn kull rokna ta’ Malta u Għawdex. Il-festa tal-Bambina tibqa’ festa ċelebrata bid-dinjità u l-maturità li jixirqilna u li tagħmlilna unur.
Immiddu Idejna!
Waqt li issa jinġabar l-armar tal-knisja u ta’ barra, fil-pjazza u fit-toroq inkomplu nagħmlu appell għall-għajnuna u għall-volontarjat għax tassew għandna nies li jaħdmu lejl u nhar biex il-festa tkun tista’ tirnexxi.
L-Emigranti
Din is-sena, ilkoll xtaqna li naraw il-festa tirnexxi tajjeb, speċjalment għall-preżenza qawwija ta’ emigranti li kienu fostna f’dawn il-jiem tal-festa. Issa li dawn ħutna jibdew jirritornaw lejn l-art fejn igħixu, nawgurawlhom li jġorru f’qalbhom dawn l-esperjenzi sbieħ li għixu madwar il-Bambina.
Radd il-Ħajr
Illum fis-7.30pm ninġabru flimkien sabiex inroddu ħajr lil Alla permezz tal-Madonna. Nieħdu l-impenn li nitolbu t-talba tar-Rużarju kuljum. Inħejju ruħna sabiex nibdew sena pastorali ġdida li ser twassalna sabiex ngħixu s-Sena tal-Fidi li ser tibda mill-11 t’Ottubru 2012 li ġej.
Gazzetta “Ix-Xagħra” u l-Kalendarju 2013
Din is-sena l-Uffiċċju Parrokkjali tagħna, qed jagħtina suppliment marbut mal-gazzetta “Ix-Xagħra”, fil-kalendarju l-ġdid tas-Sena 2013. Tassew rigal sabiħ li ħafna emigranti qed jieħdu magħhom. Dan il-kalendarju għandu jsib postu fid-djar kollha tal-parroċċa. Fih dati ta’ storja, dati mportanti (l-Ewwel Tqarbina, Griżma tal-Isqof, etc.) Fih ukoll sett ritratti antiki, li ħafna minnhom qed jiġu ppubblikati għall-ewwel darba. Grazzi Grazzi.
Festa tal-Madonna tal-Grazzja
Il-Gwardjan tal-Kappuċċini ta’ Għawdex qed jistieden lill-poplu tax-Xagħra, li minn dejjem kellu rabta ma’ dawn il-patrijiet, sabiex nhar il-Ħamis 13 ta’ Settembru jattendu għall-quddiesa, li ser tkun immexxija minn Monsinju Eucharistico Sultana, Arċipriet Emeritus, fil-knisja tagħhom, fl-okkazjoni tal-festa tal-Madonna tal-Grazzja, li ser tkun iċċelebrata nhar il-ħadd li ġej 16 ta’ Settembru. Kellmu lil Karmena Muscat għat-trasport, li jitlaq mill-pjazza fis-6.30pm. Il-quddiesa tkun fis-7.00pm.
Madonna ta’ Fatima
Nhar il-Ħamis, 13 ta’ Settembru taħbat il-Ħames Dehra tal-Madonna ta’ Fatima. Għalhekk fil-Knisja ta’ Ħamet, fil-5.30pm tibda l-Adorazzjoni, fis-6.00pm Rużarju Meditat u fis-6.30pm quddiesa bil-prietka, u wara, pellegrinaġġ bl-istatwa tal-Madonna ta’ Fatima. Fil-Knisja Bażilika tagħna, il-quddiesa tas-7.30pm tkun bil-prietka dwar id-Dehra ta’ Fatima.
Tħejjija għaż-Żwieġ
Fl-aħħar weekend ta’ Settembru jerġgħu jibdew il-laqgħat tal-Mixja ta’ tħejjija għaż-żwieġ u għall-ħajja tal-familja. Inħeġġu lill-għarajjes u namrati biex jattendu dawn il-laqgħat, anke jekk għadhom ma ddeċidewx id-data taz-zwieġ tagħhom. Dawk il-koppji li jaħdmu Malta għandhom jitolbu nformazzjoni dwar il-kors li ser isir apposta għalihom f’Malta, meta jmorru japplikaw fl-Uffiċċju Parrokkjali. L-applikazzjonijiet jistgħu jinġabru minn issa. Infakkru lil dawk l-għarajjes li diġa’ għamlu l-ewwel sena, biex jieħdu ħsieb jikkonfermaw mal-Arċipriet il-parteċipazzjoni tagħhom għat-tieni sena. Kull min jixtieq jiżżewweġ fil-Knisja irid itemm dawn is-sentejn ta’ formazzjoni qabel ma jiċċelebra s-Sagrament taż-Żwieġ.
Pellegrinaġġ f’Ruma
Bejn it-13 u l-21 ta’ Settembru , l-Arċipriet, flimkien ma’ grupp ta’ Xagħrin ser inkunu tour fl-Italja. Ser inżuru postijiet għeżież li fihom nitolbu għalikom, fosthom fuq il-qabar ta’ San Piju tal-Pjagi u dak tal-Beatu Ġwanni Pawlu II.
Agħtihom o Mulej il-Mistrieħ ta’ Dejjem
Vicky Cini toffri €20 b’suffraġju tal-għeżież ġenituri tagħha Lorenzo u Ġanna Xerri.