BULLETTIN
PARROĊĊA MARIJA BAMBINA
XAGĦRA – GĦAWDEX
16-9-2012
SAJDA MUŻEWMINA
Fid-9 t’Awwissu 2012, tfakkar il-50 anniversarju mill-ftuħ tal-M.U.S.E.U.M. tal-Bniet fix-Xagħra. L-E.T. Monsinjur Mario Grech, Isqof t’Għawdex, waqt l-Omelija li saret f’din l-okkażjoni, wera l-kobor ta’ San Ġorġ Preca, billi bl-0pra tat-Twaqqif tal-M.U.S.E.U.M. ħalla f’idejn lajċi mpenjati biex ixandru l-Vanġelu. Fi tmiem il-quddiesa sar diskors mis-Superjura Ġenerali b’appell ħerqan sabiex żgħażagħ subien u bniet jiddedikaw ruħhom għall-ħidma keteketika fi ħdan il-M.U.S.E.U.M.
Programm tas-Smigħ tal-Kelma t’Alla:
Bejn l-24 u t-28 ta’ Settembru, kull filgħaxija ser ikollna: fis-7.00pm quddiesa u fis-7.30pm Prietka tas-Sajda Mużewmina fuq iz-zuntier tal-knisja. Jekk it-temp ma jkunx jippermetti kollox isir fil-knisja.
Appell: Inħeġġu lil kulħadd sabiex jieħu din l-okkażjoni u jattendi għas-Sajda Mużewmina.
Ktieb ta’ Tifkira: 50 Sena tal- M.U.S.E.U.M. tal-Bniet fix-Xagħra jimmarka mument ta’ grazzja u ta’ storja. Dan il-ktieb qed jitqassam min-nies li jqassmu il-Bullettin. Aqrawh u ibgħatuh lix-Xagħrin f’irħula oħra u saħansitra lill-emigranti. Dan il-ktieb ħa ħafna xogħol u spejjeż u għalhekk napprezzawh u naqrawh.
Sejħa lill-Benefatturi
Tajjeb li nifhmu li d-djar tal-M.U.S.E.U.M., bħal kull dar oħra, titlob manutenzjoni. Għaldaqstant, tajjeb li fil-ġranet li ġejjin minn jeddna navviċinaw lis-Superjura jew lil xi ħadd mis-soċji tal-M.U.S.E.U.M. tal-Bniet, u nagħmlu offerta. Ta’ min ifakkar li fil-M.U.S.E.U.M. tal-Bniet sar ħafna xogħol ta’ tikħil u tibjid mal-post kollu. Kull għajnuna hija ferm apprezzata. Insostnu bit-talb u bl-għajnuna materjali din l-opra qaddisa ta’ San Ġorġ Preca.
Kalendarju Ġdid għas-Sena 2013
L-Uffiċċju Parrokkjali tagħna ppublika għall-ġranet tal-festa, il-Kalendarju 2013. Dan ġie milqugħ tajjeb ħafna, tant li numru kbir ħaduh l-emigranti bħala rigal – tifkira għalihom, jew
għal nieshom. Dan il-Kalendarju issa jsib postu fid-djar kollha tal-Parroċċa. Fih ritratti antiki(black and white), id-dati tal-Ewwel Tqarbina/Griżma tal-Isqof u appuntamenti oħra. Akkwistawh għal €5.
Festa Kbira
Bl-għajnuna t’Alla, il-festa ad unur ta’ Marija Bambina għaddiet b’wiċċ il-ġid. Mijiet ta’ nies minn kull rokna ta’ Malta u Għawdex ingħaqdu max-Xagħrin u l-emigranti sabiex infakkru bl-akbar dinjità l-Jum Nazzjonali tat-8 ta’ Settembru. Waqt li nroddu ħajr ’l Alla u lill-Bambina, ir-radd il-ħajr tagħna jmur lejn dawk kollha li b’xi mod jew ieħor taw sehemhom sabiex il-Festa 2012 tkun suċċess.
Apprezzament u Ringrazzjament
L-Arċipriet Mons. Carmelo Refalo, flimkien mal-Kumitat tal-Festa Marija Bambina 2012, iroddu ħajr lil kull min ta s-sehem tiegħu fl-organizzazzjoni tal-festa. Radd il-ħajr lill-għaqdiet kollha u lill-poplu tax-Xagħra. Grazzi lill-Kapitlu, lis-saċerdoti, seminaristi, abbatini, Banda Victory, organisti, mużika Cappella Bugeja, mużika tad-Tridu u ta’ Jum l-Inkurunazzjoni, il-korijiet li ħadu sehem, tal-fjuri, armar fil-knisja u barra, briju, tiġrija, tindif tal-knisja, Fund Raising tal-parroċċa, pulizija, Kunsill Lokali, Radju Bambina, kumitat tan-nar, XHRO, sagristani u fratelli u l-websajt. U fl-aħħar grazzi kbira lil dawk in-nies li għinuna bir-riklami li għamlu fil-Gazzetta “Ix-Xagħra”. Grazzi lil kulħadd.
Avviżi
- Adorazzjoni: Nhar is-Sibt 22 ta’ Settembru fil-Knisja ta’ Kerċem ser ikun hemm l-Adorazzjoni għall-Persuni Kkonsagrati, bejn is-7.00pm u d-9.00pm.
- Minn nhar it-Tnejn 24 ta’ Settembru, il-quddiesa ta’ filgħaxija ser tibda tkun fis-7.00pm.
- Nhar l-Erbgħa 19 ta’ Settembru ser isir nofs ta’ nhar irtir għan-nisa f’Lourdes Home Għ’Sielem. Ċemplu lil Sr. Paola Żammit 21556537 għal aktar informazzjoni.
Agħtihom o Mulej il-Mistrieħ ta’ Dejjem
Ġemma Sultana u wliedha joffru €10 b’suffraġju tal-għażiż żewġha u missierhom Carmelo Sultana u l-għażiża oħtha Angela Refalo.