BULLETTIN
PARROĊĊA MARIJA BAMBINA
XAGĦRA – GĦAWDEX
12 t’Awwissu, 2012
PATRI VITOR BONELLO OFM CONV………65 SENA SAĊERDOT
Patri Vitor twieled ix-Xagħra Għawdex fid-29 ta’ Novembru 1920, wieħed minn tmint aħwa, ulied Franġisk u Domitilla Bonello. Wara l-istudju tiegħu fl-iskola Primarja u dik Sekondarja, daħal mal-Patrijiet Franġiskani Konventwali fl-1938. Ġie ordnat saċerdot fit-22 ta’ Marzu 1947 minn idejn l-Isqof Ġużeppi Pace, fil-Knisja ta’ San Franġisk ir-Rabat Għawdex. Erba’ ġimgħat wara l-ordinazzjoni ta’ Patri Vitor, ommu Domitilla mietet fl-isptar t’Għawdex nhar id-19 t’April 1947. L-ewwel ħidma tiegħu bħala saċerdot kienet ta’ Mastru tan-Novizzi u Direttur tal-istudenti Franġiskani f’Malta u f’Għawdex. Kien ukoll igħallem it-Taljan, il-Latin u t-Teoloġija. F’dan iż-żmien ġieli mar f’Bona, l-Alġerija, biex jagħmel l-eżerċizzi spiritwali lill-Maltin u lit-Taljani emigrati fl-Alġerija.
Fl-1956, Patri Vitor aċċetta t-talba tal-Provinċjal u emigra lejn l-Awstralja bil-Vapur “Castle Felice”. Fl-Awstralja wasal fit-3 ta’ Marzu 1956, u kien innominat bħala l-ewwel Kappillan tal-Parroċċa ta’’ Warrawong, fid-djoċesi ta’ Wollongong fi New South Wales(qrib Sydney). Patri Vitor ta bidu lil din il-parroċċa, billi ħa ħsieb jibni s-sala fejn in-nies jinġabru għall-quddies u attivitajiet soċjali, bena wkoll l-iskola tal-parroċċa u l-kunvent tal-patrijiet. Wara seba’ snin f’Warrawong, mar f’Solomon Town u Port Pirie f’South Australia(qrib Adelaide). Hemmhekk bena knisja f’Coober Pedy taħt l-art, minħabba is-sħana li kienet tagħmel. Kien Kappillan fi Broken Hill għal erba’ snin u nofs, minn fejn mar lura lejn Port Pirie u Adelaide. Wara għamel xi snin fil-parroċċa ta’ Kellyville fid-Djoċesi ta’ Sydney u reġa’ mar Warrawong għal disa’ snin, fejn f’dawn iż-żewġ postijiet li semmejna, Patri Vitor bena kulleġġ u skola. Fl-1983 Patri Vitor mar f’Melbourne fil-Parroċċa ta’ San Ġużepp, Springvale u żona pastorali ta’ Dingley Village. Meta kien f’dawn iż-żewġ żoni huwa rranġa u rrestawra l-knejjes u s-swali parrokkjali. F’Dingley bena post ġdid, kulleġġ u dar għall-istudenti Franġiskani, imsemmi “St.Joseph of Cupertino Friary”. Wara tnax-il sena bħala kappillan ta’ Springvale mar joqgħod f’Dingley flimkien mal-Kustodju Franġiskan u kien jieħu ħsieb il-finanzi tal-Ordni Franġiskana fl-Awstralja. Fil-parroċċi kollha fejn kien ikun, Patri Vitor kien jieħu ħsieb isaħħaħ il-fidi fi ħdan il-Komunitajiet Parrokkjali. Is-servizz tiegħu kien ikun fil-ħtiġijiet spiritwali u pastorali tal-poplu bħalma huma: il-quddiesa, magħmudijiet, żwiġijiet, tqarbin lill-morda, qrar, Griżma tal-Morda, funerali, il-prietki tiegħu b’vuċi qawwija, tmexxija tal-iskejjel parrokkjali u direzzjoni spiritwali, kif ukoll igħin bħala interpretu għall-Maltin u għat-Taljani fil-Qorti u f’xi dipartimenti ċivili.
Patri Vitor dan l-aħħar kien residenti f’St.Bernardette Aged Facility Centre, North Sunshine. Hemmhekk kien jagħti servizzi spiritwali fost il-150 resident oħra billi jqaddsilhom nhar ta’ Ħamis u nhar ta’ Ħadd, iqarar u ħafna drabi jagħti l-Griżma tal-Morda.
Patri Vitor Bonello miet nhar it-Tnejn, 6 t’Awwissu 2012, ikkonfortat bis-Sagramenti Mqaddsa u mdawwar bl-għeżież tiegħu, fosthom il-Kan. On. Dun Manwel Bonello.
Quddiesa funebri b’suffraġju għal ruħu, saret fil-Knisja Bażilika Kolleġġjata Arċipretali nhar il-Ġimgħa 10 t’Awwissu, fis-7.30pm, fil-preżenza tal-familjari, qraba u ħbieb.
Inkomplu s-Sibtijiet tal-Bambina
Nhar is-Sibt, 18 t’Awwissu huwa l-Ħdax-il Sibt tal-Bambina. Fis-7.00pm reċita tar-Rużarju Mqaddes, u fis-7.30pm quddiesa bil-prietka mmexxija minn Dun Daniel Xerri, Rettur tas-Seminarju, bis-sehem tal-familji li joqogħdu fit-toroq San Ġużepp, Knisja, Dun Vinċenz Cauchi, George McAdam, Għajn Lukin u Mikelanġ Pace.
Festa ta’ Santa Marija
Nhar l-Erbgħa, 15 t’Awwissu, hija l-festa ta’ Santa Marija. Din hija festa kkmandata (obbligu tal-Quddies). Inħarsu dan il-jum bis-smigħ tal-quddies u t-tqarbin. Il-ħinijiet tal-quddies fil-Bażilika huwa bħal tal-Ħadd: 5.00am, 6.00am, 7.00am, 8.30am, 9.45am, 11.00am, 5.30pm u fis-7.30pm.
Tajjeb Tkun Taf
- Velja tal-Assunta: Nhar it-Tlieta 14 t’Awwissu, fit-8.00pm, quddiem is-Santwarju tal-Madonna ta’ Pinu, ser issir Velja fost kant u talb li tintemm bil-quddiesa mmexxija mill-E.T. Mons. Isqof Mario Grech. Trasport jitlaq mill-Pjazza fis-7.30pm.
- Nhar il-festa ta’ Santa Marija, 15 t’Awwissu ser ikun hemm pellegrinaġġ għal fuq il-Għolja ta’ Għammar. Ikun hemm quddiesa fuq l-Għolja u oħra fis-Santwarju ta’ Pinu. Trasport jitlaq mill-Pjazza fil-5.00am.
Agħtihom o Mulej il-Mistrieħ ta’ Dejjem
Marija Azzopardi u l-familja tagħha joffru €15 b’suffraġju tal-għeżież ġenituri tagħha Clementa u Karistu Xerri u l-għażiż ħuha Peppi.